Ilbieraħ kelli x-xorti nattendi t-tnedija tal-ġabra ta’ esejs ta’ Kurt Borg Sens ta’ Ħarifa fil-binja eleganti tal-Valletta Contemporary. Din hija pubblikazzjoni oħra tal-Klabb Kotba Maltin fi żmien meta, kif naħseb li qal Kurt, il-pubblikaturi Maltin qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi finanzjarji kbar: minflok qed jagħlqu jdejhom, qed jinvestu f’pubblikazzjonijiet bħal dawn.
Qabel ilbieraħ kont qrajt biss l-esej ta’ Kurt Borg bl-isem ta’ “Ġilda” fil-ġurnal letterarju Aphroconfuso mmexxi minn Joe Gatt, ħabib antik li bil-ħila tal-esej u Aphroconfuso rġajt iltqajt miegħu, u l-awtriċi Loranne Vella. Waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta ta’ Inizjamed ta’ xi sentejn ilu niftakar lil Kurt jaqra esej, jew silta minn esej, waqt Palk Ħieles, imma l-kuntest kapaċi jagħti valur differenti lil xogħol tal-arti u ftit li xejn niftakru.
Ilbieraħ, flimkien mal-bqija tal-udjenza li mliet il-Valletta Contemporary fin-niżla lejn Victoria Gate, smajt iżjed minn dawn l-esejs sbieħ, stimulanti, imprevedibbli, esejs li dejjem joffru osservazzjonijiet żgħar u insidjużi. U lingwa letterarja sabiħa: hemm oċean jaqsam bejn l-esejs (jew l-“essays”) Maltin li bdew jixxandru f’rivisti bħal Leħen il-Maltin fis-snin tletin tas-seklu għoxrin u dak li bdew jaħsduna bih Aphroconfuso minn nofs l-2023, imma ħaġa waħda baqgħet: it-tiftixa ta’ lingwa letterarja sabiħa, mexxejja.
L-estetika, però, hija differenti: għax waqt li hemm rispett kbir lejn l-idjoma Maltija, lejn il-kliem kif ngħiduh u l-frażijiet kif inqegħduhom, hemm ukoll tiftixa kontinwa għall-frażi imprevedibbli, għal ritmi ta’ ħoss u ħsieb differenti li jfixkluna u jġegħluna nħarsu lejn l-affarijiet mod ieħor, iġegħluna nisimgħu u nissemmgħu dak li s-soltu ma nisimgħux.
Jien naf lil Kurt dejjem “jattendi,” dejjem jisma’, dejjem jinteressa ruħu u josserva b’sensittività u umanità kbira. Ilbieraħ, naħseb għall-ewwel darba kemm ili nafu, il-kelma tiegħu kienet il-protagonista. Vuċi letterarja “kuraġġuża” (kelma li ntużat ħafna mill-kelliema mistiedna) li issa qed titkellem hi. U ma bsartx li kienet se tispikka l-letterarjetà f’dik il-vuċi dejjem attenta, dejjem għarriexa, dejjem ħielsa.
Dawn l-esejs letterarji, personali, filosofiċi, sejħilhom li trid, u iżjed, qed jiddefnixxu mill-ġdid il-lingwaġġ letterarju tagħna, l-immaġinarju letterarju Malti kollu kemm hu. Anki għaliex issa għandna mudell ieħor f’idejna, u ma nistgħux ngħidu li mhuwiex possibbli, jew li ma nafux bih, jew li għadu bil-ħarqa. Dan ġeneru li telaq jimxi (semmew ħafna l-mixi lbieraħ). Ikolli ngħid li bit-tnedija tal-ewwel Antoloġija ta’ Aphroconfuso l-Ħamis (li ma stajtx nattendi għaliha), bit-tnedija ta’ Sens ta’ Ħarifa, u b’dak li ġej fil-Festival tal-Ktieb id-dieħla, issa dan ġeneru li telaq jiġri. Jekk ktibna l-istorja tal-Letteratura Maltija u ħallejna barra l-esej, issa rridu nikkonvertu l-pdf, noftquh, u nfasslu kollox mill-ġdid. L-immaġinarju letterarju Malti għadu kemm kiber f’salt u dak li għandna quddiemna llum qajla jixbah dak li kellna quddiemna sal-bieraħ.
Kurt insista li ma għażilx konxjament li jikteb dawn l-esejs bil-Malti. Ma qagħadx jaħseb fuq liema lingwa se juża. Meta wara ħaseb fuq din id-deċiżjoni mhux deċiża, wasal, fost l-oħrajn, għall-konklużjoni li kiteb bil-Malti għax din hija l-lingwa tiegħu, hija l-lingwa li jitkellem biha ma’ ommu, il-lingwa li joħlom biha, il-lingwa li jħobb biha.
Fl-istess ħin, ħafna minn dak li jikteb normalment f’xogħlu jiktbu bl-Ingliż. Għalhekk naħseb li huwa inevitabbli li l-kitba tiegħu bil-Malti, anki bħala esejista filosofiku, jew awtur ta’ esejs filosofiċi, kellha tgħaddi u se tibqa’ tgħaddi minn proċess ta’ tiftix tal-kelma, tal-frażi, u tal-idjoma, tiftix u tiswir ta’ diskors ġdid imnebbaħ minn ilsien qadim li f’idejn esejisti bħal Kurt Borg kapaċi jibqa’ jiġġedded.
Kelma tal-aħħar: l-osservazzjoni tal-kelliema dwar il-ġens grammatikali fluwidu tal-“esej” għoġbitni wisq. Fl-introduzzjoni mill-isbaħ tiegħu għal-lejla, li Kurt donnu pprova jbigħhielna qisha xi parenteżi mhux maħsuba, Kurt, li għażel li jirrispetta d-dizzjunarji u juża l-ġens grammatikali maskil, żelaq ħelu ħelu fil-femminil. “L-esej kelli bżonnha biex teħodni lil hinn,” qalilna, mir-riġidità u l-formuli tad-diskors akkademiku.
Ħassejt ċertu pjaċir f’dik l-istqarrija fil-femminil. Ir-riflessjoni li anki l-kelma “esej” hija “queer,” jew “kwir,” naraha kreattiva u trasformattiva, għax tirrifletti n-natura fluwidu tal-esej u tisfida r-riġidità tal-ġeneri stabbiliti. U magħha ddaħħal ċertu sens ta’ pjaċir.
Fuq il-kwistjoni tal-lingwa u kwistjonijiet oħra
Fuq il-kwistjoni tal-lingwa fl-esejs tiegħu, tista’ tara l-kitba (esej?) ta’ Kurt Borg ippubblikata f’Aphroconfuso fil-21 ta’ Ottubru 2024, “Dwar sens ta’ ħarifa,” u tisma’ l-poddata tiegħu tat-22 ta’ Frar 2024 mal-edituri Joe Gatt u Loranne Vella f'”Noti Editorjali #4.”




