Bejn is-16 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Diċembru, bħala parti mill-proġett internazzjonali Essays Beyond Borders immexxi mill-Prof. Mario Aquilina, se jsir kors prattiku ta’ seba’ sessjonijiet ta’ sagħtejn ta’ kitba tal-esej letterarju bil-Malti għall-istudenti tal-Università.
Dan il-ġeneru ta’ kitba letterarja joffri ħafna possibilitajiet ġodda għal dawk li jixtiequ jirrakkontaw l-esperjenzi personali u kollettivi ta’ żmienna.
Is-seba’ sessjonijiet se jkunu bla ħlas u se jsiru nhar t’Erbgħa bejn 12.00pm u s-2.00pm fuq il-kampus tal-Università f’Tal-Qroqq.
Il-postijiet huma limitati għax nixtieq li jkollna ħafna ħin biex nara x-xogħol individwali tal-parteċipanti u fejn nistgħu niddiskutuh flimkien. Għalhekk, inħeġġiġkom ħafna biex tinkitbu. Imma jekk taħsbu li mhux se tkunu tistgħu tattendu regolarment, ikun aħjar jekk tħallu l-post għal ħaddieħor.
Il-kors huwa parti mill-programm tad-DegreePlus u għalhekk jitniżżel fit-transcript tal-istudenti u fl-aħħar jingħata ċertifikat. L-esejs li jilħqu l-livell mixtieq (skont bord imwaqqaf apposta) jiġu ppubblikati fuq is-sit uffiċjali ta’ Essays Beyond Borders biex ikun jista’ jaqrahom kulħadd.
Fil-kors, se niktbu fuq post. Pubbliku. Idealment f’Malta. Post li jfisser ħafna għalina. Imqar jekk żornieh darba biss. Jew nafu lil min għadda minn hemm. Jew sibna ruħna fih bla ħsieb. U issa nbidel għalkollox. Jew għadu eżatt l-istess. Imma mhux għalina. Għalina issa nbidel. Inbidlu l-ġrajjiet li jseħħu ġo fih. Inbdilna aħna. Inbidlu l-irkejjen u d-dellijiet. Post li nistgħu nfittxu l-istorja tiegħu qabel ma sirna nafu bih. Post li fixkilna. Li biddilna. Li ħelisna. Post li miegħu ntilfu l-logħbiet u l-ġlidiet, il-ħbiberiji u l-imħabbiet. Post li kien tagħna u issa sar tan-negozjanti tal-artijiet. Jew inħakem mill-ġdid mill-kampanja.
L-esejs personali, letterarji tagħna, se jirrakkontaw Malta li qed tinbidel b’ħeffa li forsi l-esej biss jista’ jlaħħaq magħha.
Dan huwa l-programm tas-sessjonijiet, dejjem l-Erbgħa bejn 12.00pm u s-2.00pm:
- 16 ta’ Ottubru 2024
- 23 ta’ Ottubru
- 30 ta’ Ottubru
- 6 ta’ Novembru
- 13 ta’ Novembru
- 27 ta’ Novembru
- 4 ta’ Diċembru
Biex tinkitbu għall-kors kemm tibagħtuli email fuq adrian.grima@um.edu.mt.

