Iltqajt mas-Sur Salvu Seisun meta dħalt in-New Lyceum, dak li llum huwa l-Junior College, bħala student fl-1984. Kien żmien diffiċli għax kien hemm il-battalja bejn il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien u l-Knisja Maltija fuq l-iskejjel tal-Knisja u kieku dħalt is-sixth form ta’ San Alwiġi, fejn qattajt sitt snin minn ħajti bħala student (u bħala plejer tal-futbol u Scout) kien ikolli żvantaġġ kbir ta’ 20 punt kontrija fil-kompetizzjoni biex nidħol l-Università. Għalhekk ommi u missieri riduni bilfors nidħol in-New Lyceum biex ma nikkompromettix il-karriera akkademika tiegħi, għażla li dak iż-żmien ma qbiltx magħha.
Student f’dinja ġdida
Kienet deċiżjoni li sa ċertu punt biddlitli ħajti. Sirt ħabib tal-qalb ta’ Marco Galea u Edward Flores, li daħlu għall-Malti, l-Ingliż u t-Taljan bħali minn San Alwiġi, imma ltqajt ukoll ma’ ħafna studenti u għalliema illi kieku bqajt San Alwiġi ma kontx niltaqa’ magħhom, fosthom Salvu Seisun.
Il-pjan kien li b’dawk it-tliet lingwi nidħol Liġi, il-kors li missieri dejjem xtaqni nieħu, imma jien, Marco u tnejn oħra kellna 66 punt wara li għamilna l-A Levels, jekk niftakar sew. Konna fit-tlettax-il post, u għall-Kors tal-Liġi daħlu tnax, fosthom, dejjem jekk qed niftakar sew, ċertu Angelo Farrugia li kien spettur tal-pulizija,. Bla ma kont naf jien u bla ma kienu jafu ommi u missieri, il-Bambin kien refagħni minn xagħri għax jien il-lingwa u l-letteratura ridt nistudja, mhux il-Liġi. U meta tela’ l-Gvern Nazzjonalista tal-1987 u nfetaħ beraħ il-kors tal-Liġi u reġgħet infetħet il-Fakultà tal-Arti, m’għażiltx il-Liġi imma l-lingwi. Ma nafx x’kien jiġri kieku kont fost dawk li daħlu Liġi bin-numerus clausus fi Frar ta’ dik is-sena.
Għal “tifel” ta’ sittax li kien qatta’ ħajtu kollha fl-iskejjel tal-Knisja, l-ewwel id-Dorotej ta’ Tas-Sliema u mbagħad il-Kulleġġ San Alwiġi, għalliema bħal Salvu Seisun kienu razza differenti. Il-lingwaġġ kien differenti u l-perspettiva politika, fis-sens dejjaq u wiesa’ tal-kelma, kienet differenti wkoll. Minkejja d-dwejjaq u l-inġustizzji tal-istrajk tal-għalliema tal-1984 li beda ftit wara li dħalna fil-kors ta’ studenti-ħaddiema u dam ix-xhur u li minħabba fih tlifna għalliema bravi li ngħataw transfer għax strajkjaw, fosthom ċertu Manwel Mifsud li mbagħad kellu jkun il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti meta dħalt ngħallem l-Università, mil-lat personali u soċjali, l-ambjent il-ġdid tan-New Lyceum, skola tal-Gvern, sa ċertu punt illiberani.
Qed nitkellem fuq bażi personali, għax ma kien hemm xejn liberatorju fil-martirju li għaddew minnu l-għalliema li strajkjaw u l-familji tagħhom, u lanqas l-inġustizzja tal-20 punt (li mbagħad sar 10 punti, u mbagħad żvintaw). San Alwiġi kelli ħbieb mill-klassijiet u l-inħawi kollha ta’ Malta. Kelli ħbieb Nazzjonalisti u ħbieb Laburisti. Ħbieb bil-għaqal u ħbieb moħħ ir-riħ. Imma n-New Lyceum kien hemm arja mod ieħor, aktar sekulari. U naħseb li kelli bżonnha.
Tmexxi u tħalli ‘l min jimxi
Ħafna minn dak li smajt mingħand Salvu Seisun bħala student tan-New Lyceum smajtu meta dħalt ngħallem il-Junior College f’Ottubru tal-1996. Minn dejjem kelli relazzjoni tajba, inħoss, ma’ Salvu, avolja kien il-kap tiegħi. Dak iż-żmien kien dipartiment kbir b’ħafna għalliema (għamilna żmien konna ħmistax-il ruħ, jekk qed niftakar sew) u kellna klassijiet kbar ta’ studenti tal-Avvanzat u tal-Intermedju, bl-erbgħinijiet.
Naħseb li Salvu dejjem kien ikun l-ewwel wieħed fl-uffiċċju. Kien jasal qabli żgur, imma żgur ukoll li jien kont nitlaq warajh. Kont ngħaddi sa ħdejh prattikament kuljum. Dejjem ngħidu kelma, ġieli ta’ malajr u ġieli iktar fit-tul, skont jekk ikunx qed jagħmel il-kafè jew ikunx diġà xorbu. U konna naqbduha fuq kollox, fuq ix-xogħol, fuq it-tagħlim, fuq Malta, u fuq il-problemi tad-dinja. Solvejna ħafna kwistjonijiet kbar f’dik il-kamra dejqa u tawwalija. Trabbejna f’ambjenti differenti imma f’ċerti affarijiet kellna l-istess fehmiet, ngħidu aħna fuq Manwel Dimech u fuq l-inġustizzji bejn il-pajjiżi s-sinjuri u l-pajjiżi l-fqar.
Meta kont immur għandu b’xi proposta għad-Dipartiment, xi bidla fil-loġistika, xi seminars bħat-Taħditiet tal-Erbgħa Filgħaxija jew xi konferenza bħat-Trankwillità Qarrieqa tat-Test, aktarx kien jilqagħha u kien iħallini naħdem fuqha ma’ dawk fost sħabi li kienu jkunu interessati. Basta ma jantiċipax li se jkollu l-problemi mal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ. Kien jaf li kien hemm differenza fil-mod kif inħarsu lejn it-tagħlim u lejn il-letteratura, imma kien iħallini naħdem.
Ħaġa li naħseb li għenitni ma’ Salvu kienet li dejjem kellimtu b’mod ċar u wrejtu mill-ewwel li ma kontx se naċċetta messaġġi u messaġġiera mingħand l-amminstrazzjoni tal-kulleġġ. Kif tasalli nofs ta’ kelma kont naqbad u ninżel b’wiċċi minn quddiem l-uffiċċju tal-kap u naffronta l-kwistjoni b’mod dirett u mingħand intermedjarji. Peress li kont wieħed miż-żgħar naħseb li din issorprendietu ftit lil Salvu, u bil-mod tiegħu kien japprezzaha. Ma kienx jirrispettak għax int bħalu: kien jirrispettak għax japprezza l-mod kif iġġib ruħek. Almenu dik kienet l-esperjenza tiegħi. Bqajna nitkellmu bl-istess ħbiberija u rispett reċiproku anki wara li tlaqna mil-Junior College u qbadna r-rotot differenti tagħna.

F’ħafna mis-snin li domt ngħallem il-Malti l-Junior College, żmien sabiħ ħafna għalija, il-kap tad-Dipartiment kien Salvu. (Warajh laħaq David Calleja.) Anki jekk kultant l-għażliet tiegħu ma kontx naqbel magħhom, u kont ngħidlu, b’mod ġenerali l-istil tiegħu ta’ tmexxija, stil pjuttost “relaxed,” kien jaqbel mat-temperament tiegħi. U miegħi dejjem ħassejtni li nista’ naħdem. Qatt ma naf li għamilli l-bsaten fir-roti jew ipprova jaqtagħli qalbi. Qatt. Pjuttost bil-kontra. Għaldaqstant inħoss li għenni fi żmien speċjali għalija u kellu sehem importanti f’wieħed mill-isbaħ żminijiet tiegħi bħala għalliem.
Xi nqalagħlek, salib?
Meta kont ngħaddi ħdejh f’ħin mhux tas-soltu kien jgħidli, b’dik in-nofs daħqa tipika tiegħu, “Xi nqalagħlek?” Jew “X’għandek bżonn, salib?” Kont naf li kien hemm ħafna sfumaturi f’dik il-kelma “salib,” għax il-lingwa sabiħa meta tużaha b’ironija ħelwa, jew b’simpatija mqarba. Naħseb li kellu ħabta jgħidha dik il-kelma “salib,” mhux miegħi biss. L-Interpretazzjoni kienet kollha fit-ton, imma anki fil-kuntest. Kif taqbad tispjega r-relazzjoni ta’ snin twal ta’ konverżazzjonijiet u diskussjonijiet maqbuda fit-ton ta’ kelma waħda, “salib”? Kien hemm il-kuntest immedjat, ngħidu aħna xi ħaġa li tkun ġrat dakinhar, u l-kuntest ikbar, relazzjoni li tkun ilha tinbena s-snin. Kollox maqbud fl-interpretazzjoni ta’ kelma waħda, ta’ ton wieħed. Għalhekk affaxxinanti l-lingwa. Għalhekk kull kelma ġġib magħha stejjer sħaħ.
Miegħi naħseb li kienet tesprimi ċerta simpatija, qisu qed ikellem lil xi ħadd tal-familja. Għax kultant il-kliem jintuża hekk, biex jesprimi sentiment oppost għal dak li jfisser fil-wiċċ. Seta’ qal “sabiħ,” imma b’ton daqstant ironiku li tfisser qrubija u distanza fl-istess ħin, ħbiberija u awtorità. “Salib,” “sabiħ”… naqra ċanfira, naqra jew ħafna simpatija. Skont il-waqt. Waqt li mal-istudenti Salvu aktarx kien żbukkat, u b’hekk kien iżommhom dejjem attenti, magħna kien iktar attent kif iqiegħed il-kliem skont il-waqt u skont il-bniedem li jkollu quddiemu. Imma li kien ikun irid jgħid b’xi mod kien jgħidhulek.
Kont “salib” ukoll għax kont dejjem tard. Tkun xħin tkun il-lezzjoni aktarx kont nidħol dik in-naqra tard. U mbagħad ma naħlix sekonda, veru, imma dejjem dik in-naqra tard. U ġieli iktar minn naqra. Imma kont “salib,” l-ewwel u qabel kollox, għax bil-mod tiegħu naħseb li kien iħobbni, u aktarx kien jaqbeż għalija meta kien jidhirlu li għandu jaqbeż għan-nies tiegħu, u aktarx mingħajr ma jgħidli. Il-ħabiba u kollega tiegħi Anna Zammit, li sikwit kienet tiġi żżur lili u lil sħabi tad-Dipartiment tal-Malti biex ngħidu kelma, imqar fuq xi proġett tal-kummerċ ġust jew xi ħaġa simili, qaltli li darba kien qalilha: “Dak moħħu fit-tielet dinja u ‘l dik t’hawnhekk jinsieha.” Skont Anna kien qalilha hekk għax kien qed jiġri warajja fuq xi marki Għalhekk ukoll kont is-“salib” tiegħu.
Id-daħqa dejjem kienet tkun fil-qrib, bħall-kikkra tal-kafè. U dejjem mimlija.
Adrian Grima, l-10 ta’ Awwissu 2024
Tislima mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta
Għadna kemm ħadna l-aħbar ta’ niket li ħalliena s-Sur Saviour Seisun, li għal ħafna snin kien il-kap tad-Dipartiment tal-Malti f’L-Università ta’ Malta – Junior College, Malti. Ħafna minna ħdimna miegħu mill-qrib matul is-snin u apprezzajna dak kollu li għamel magħna u mal-istudenti, u għall-ġid tal-Malti.
F’dan il-mument iebes ta’ telfa, nagħtu l-għomor lill-familja u l-qraba ta’ Salvu u nittamaw li jsibu s-sabar fil-mumenti sbieħ li qattgħu miegħu u fl-għarfien tal-ġid li għamel magħna lkoll.
Id-Dipartiment tal-Malti, 10 ta’ Awwissu 2024
Ftit Ritratti mid-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College
Dan ir-ritratt ta’ Salvu ttieħed waqt is-seminar pubbliku ta’ ġurnata tas-Sibt, 29 ta’ Novembru, 2003, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, Malti, bl-isem ta’ “It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test: Perspettivi Oħra tal-Letteratura Maltija,” li kien sar fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta. Is-seminar kien fetħu Salvu u fih kienu tkellmu l-poetessa u akkademika mill-Irlanda ta’ Fuq, Sinéad Morrissey (Why Teach Literature), Ġorġ Mifsud-Chircop (Il-Ġaħan ta’ Binġemma ta’ Francis Ebejer), Immanuel Mifsud (ir-Romantiċiżmu Modern tal-Moderni), Mario Cassar (Lubien ta’ Trevor Żahra), Marco Galea (Ir-Rewwixta tal-Qassisin ta’ Alfred Buttigieg), u Adrian Grima (qari post-kolonjali tal-poeżija “Il-Ġnien” ta’ Henry Holland). Kienet għamlet intervent ukoll Mary Darmanin (Literature and the Imaginations of Others).
Ir-ritratt tal-membri tad-Dipartiment ittieħed fis-26 ta’ Jannar 2005. Fuq wara, mix-xellug għal-lemin jidhru: Dr Ġorġ Mifsud-Chircop, Dr Bernard Micallef, is-sinjuri Anthony Cardona, Saviour Seisun (kap tad-dipartiment) u Immanuel Mifsud, Dr Josette Attard, u s-Sinjuri Mario Cutajar, David Calleja u Joe Zammit-Ciantar. Fuq quddiem, mix-xellug għal-lemin jidhru: Dr Marco Galea, is-Sinjuri George Farrugia u Mario Cassar, u Dr Adrian Grima.
Il-kollega tagħna Franz Mifsud mhuwiex fir-ritratt għax kien ħalliena ħabta u sabta f’Jannar tal-2004, sena qabel ma ħadna r-ritratt. Dr Ġorġ Mifsud-Chircop ħalliena wkoll qasir il-għomor f’Diċembru tal-2007, inqas minn sentejn wara li ħadna dan ir-ritratt.
F’dan it-tieni ritratt, meħud fl-istess perjodu tal-ewwel wieħed, ikolli ngħid, jidhru fuq wara, mix-xellug: Ġorġ Mifsud-Chircop, Anthony Cardona, Immanuel Mifsud, Josette Attard, Joe Zammit-Ciantar, Mario Cutajar, Marco Galea, Adrian Grima, u Bernard Micallef. Kokka fuq quddiem, mix-xellug, jidhru Mario Cassar, David Calleja, Saviour Seisun (kap tad-dipartiment), u George Farrugia. Jaf kellna xi attività soċjali żgħira bejnietna dakinhar, għax wħud minna nidhru bit-tazzi f’idejna.



