Seminar dwar ir-Riżorsi Diġitali għall-Malti | Rendikont ftit personali
Wieħed mill-isbaħ mumenti waqt is-Seminar nazzjonali dwar ir-Riżorsi Diġitali għall-Malti li sar dalgħodu fil-Valletta Campus kien meta Dr Claudia Borg, mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Università ta’ Malta, ippreżentat ix-xogħol li qed jagħmel it-tim tagħha magħmul minn grupp ta’ studenti biex jiżviluppa riżorsi diġitali fundamentali għall-Malti.
Is-seminar kollu kien sabiħ, mill-bidu sal-aħħar, għax għall-ewwel darba xi ħadd bħali li mhuwiex midħla sew tal-għodod diġitali avvanzati seta’ jara x’qed jagħmlu kollegi, speċjalment fl-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, fid-Dipartiment tal-Malti u fid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta; fl-Università ta’ Utrecht; fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni; fl-Aġenzija tal-Litteriżmu; fil-Bank Ċentrali ta’ Malta; u fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropa, biex joħolqu riżorsi diġitali essenzjali għall-Malti.









David Schembri, l-uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta inkarigat mit-traduzzjoni, għamel preżentazzjoni dwar l-għodod elettroniċi fil-qasam tat-traduzzjoni li bena matul is-snin id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni. Fil-21 sena li t-tradutturi Maltin ilhom jittraduċu d-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, immatura ħafna l-mod li bih jaħdmu u kibret sew l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. Madankollu, minkejja li l-għodda tat-traduzzjoni awtomatika tjiebet sew, din għandha titqies bħala għajnuna għat-tradutturi u mhux bħala għodda li tieħu post ix-xogħol tagħhom.
Dan l-iżvilupp seħħ ukoll minħabba dawn l-għodod diġitali, imma s-Sur Schembri insista li l-magni tat-traduzzjoni ma jistgħux jieħdu post ix-xogħol professjonali tat-tradutturi.
Is-sehem attiv tas-Sur Thomas Pace, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti kien importanti, għax għandu għarfien tajjeb ħafna tal-inizjattivi li qed isiru fil-qasam tal-Malti. Barra minn hekk, jidhirli li fl-aħħar mill-aħħar il-Kunsill għandu jkun il-punt ta’ riferiment ewlieni għal dan ix-xogħol kollu. Biex jagħmel dan, irid ikollu l-impjegati speċjalizzati u r-riżorsi finanzjarji li għad m’għandux. Dr Slavomir Čéplö, li jinsab Malta bħala mistieden tad-Dipartiment tal-Malti, qal li l-esperjenza ta’ pajjiżi oħrajn bħaċ-Ċekja turi li l-investiment tal-gvern fl-iżvilupp ta’ riżorsi diġitali tal-lingwa nazzjonali huwa kruċjali.
Ma kienx seminar fuq dak li mhux qed isir. Kien seminar fuq il-ħafna xogħol li qiegħed isir minn individwi u gruppi differenti. U naħseb li kulħadd, anki l-organizzaturi, semgħu dwar inizjattivi li ma kinux jafu bihom.
Kien seminar ta’ nofstanhar bis-sehem ta’ mitt ruħ minn kull qasam tar-riċerka, nofsna fl-Aula Magna tal-Valletta Campus u n-nofs l-ieħor jipparteċipa online. Dr Marc Tanti, mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, li kkoordina s-seminar flimkien ma’ Sandra Vella, Michael Spagnol, Claudia Borg, Andrea De Marco, Ray Fabri, Albert Gatt, u Thomas Pace, wegħedna li dan se jibda jkun appuntament annwali. Għax jeħtieġ nisimgħu lil xulxin u nitkellmu bejnietna biex noħolqu riżorsi flimkien. U nkompli niftħu d-diskussjoni biex dawk li ma kinux magħna llum, id-darba li jmiss jieħdu sehem ukoll.
Il-preżentazzjoni ta’ Dr Claudia Borg dwar ix-xogħol tat-tim tagħha kienet waħda mill-isbaħ għax fiha tkellmet fuq l-iżvilupp ta’ mudelli lingwistiċi kbar, magħmulin apposta biex jipproċessaw il-Malti. Tkellmet fuq proġett diġitali sperimentali li jittratta l-Malti bħala skrittura Għarbija, u spjegat għaliex qed jagħmlu dan. Tkellmet ukoll fuq it-traduzzjoni awtomatika, ix-xogħol fil-qasam tal-korrezzjoni awtomatika tal-ortografija, u l-isforzi biex inaqqsu l-preġudizzju fil-mudelli tagħhom biex jippromwovu l-ġustizzja u l-inklużività fl-IA.





Sarah Spiteri tkellmet fuq ir-riċerka ġdida li qed jagħmlu fil-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq testi bil-Malti dwar l-ekonomija. Warajha, il-kollega tiegħi mid-Dipartiment tal-Malti, il-Prof. Michael Spagnol, tkellem fuq malti.mt, il-portal tar-riċerka tagħna miftuħ għal kulħadd li fih riżorsi marbutin ma’ oqsma bħad-djaletti, il-grammatika, it-tradizzjoni orali, it-terminoloġija, u l-istorja tal-lingwa. Dan il-portal fih ħafna testi imma anki ħafna materjal awdjoviżiv miġbur fuq medda ta’ aktar minn sittin sena.
Imma kull preżentazzjoni kienet interessanti. Impressjonanti kemm qed isir xogħol minn nies bravi u dedikati.
Il-Prof. Albert Gatt mid-Dipartiment tal-Informatika u x-Xjenzi tal-Kompjuter, spjega r-riżorsi għall-Malti li ħoloq f’dawn l-aħħar xhur flimkien ma’ kollegi fl-Università ta’ Malta, b’mod speċjali r-raba’ verżjoni tal-Korpus Malti, il-kompożizzjoni tiegħu u kif jintuża kemm għar-riċerka lingwistika kif ukoll l-intelliġenza artifiċjali. Il-korpus issa għandu man-nofs biljun kelma u huwa iktar rappreżentattiv ta’ lingwaġġi u reġistri differenti tal-Malti minn qabel. Dr John J. Camilleri minn Textual.ai, kumpanija bbażata f’Gothenburg, l-Iżvezja, ippreżenta l-aħħar żviluppi fir-riżorsa lessikali diġitali Ġabra, dizzjunarju online b’xejn u miftuħ għal kulħadd.
Il-Prof. Sandra Vella tkellmet fuq ix-xogħol fundamentali li qed isir biex ikollna korpus tal-Malti mitħaddet li mbagħad bih jistgħu jinħolqu riżorsi f’oqsma differenti. Dr Marc Tanti spjega erba’ riżorsi li hu involut fl-iżvilupp tagħhom: is-simplifikazzjoni awtomatika ta’ kliem f’sentenza bil-Malti, korpus ta’ dokumenti simplifikati bil-Malti, sistema li awtomatikament tiġbor il-kliem flimkien skont it-tifsira tiegħu, u sistema li awtomatikament tbiddel il-kliem miktub fi traskrizzjoni bl-IPA, skont kif tinħass il-kelma.
Taħdita oħra interessanti ħafna li wasslitilna aħbarijiet sbieħ kienet dik ta’ Dr Andrea De Marco, mill-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u l-Astronomija, li ddeskriva l-istat tal-Malti fejn tidħol l-automatic speech recognition (ASR), jew testaħdit. Dr De Marco spjega l-iktar mudelli avvanzati għall-Malti u qabbilhom max-xogħol li qed jagħmlu mudelli avvanzati tal-lingwi l-kbar.
Waqt li s-seminar ma qgħadx jhewden fuq ir-riżorsi li m’għandniex imma ffoka fuq dak li qed isir, issemma wkoll ix-xogħol kbir li jrid ikompli jsir fuq riżorsi diġitali sbieħ għat-tfal tal-ewwel snin tal-primarja. Fuq iċ-ċekkjatur intqal li minkejja li hemm numru ta’ inizjattivi għad m’hemmx prodott li jista’ jintuża minn kulħadd.
Dan l-ewwel seminar ġie organizzat bi sħab bejn L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti, id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, u LT-Bridge bħala sponsor.
Adrian Grima, Dipartiment tal-Malti


