Fl-2009 bdejt nikteb lil Ronald Sultana. Minħabba l-interess tiegħi fil-Mediterran, hu kien interessat f’dak li kont qed nagħmel jien. Għalija kien unur. Kont ammiratur kbir tax-xogħol u l-viżjoni ta’ Ronald u mbagħad, meta bdejt insir nafu ftit iktar mill-qrib, bdejt inħossni qrib tiegħu bħala bniedem. Dak id-dawl naturali li kien kapaċi jagħti. Dik l-arja libera li kien iġib miegħu.

Il-viżjoni tiegħu tal-edukazzjoni kienet dejjem miftuħa għall-individwalità ta’ kull persuna imma fl-istess ħin mixħuta fuq it-tkattir tal-ġid komuni, fuq il-bidla għall-aħjar li trid iġġib għal kulħadd. Din il-viżjoni kien iwettaqha, mingħajr sforz ta’ xejn, fil-ħajja tiegħu, fir-relazzjonijiet li kien ifittex li jibni ma’ ħaddieħor.
Minn banda kellu passjoni kbira għall-edukazzjoni bħala patrimonju ħaj u demokratiku, u mill-banda l-oħra kellu ħajta ironija li kienet turi li ma kienx jieħu lilu nnifsu b’serjetà żejda. F’qasam li fih mhux faċli żżomm distanza kritika minnek innifsek u dawk li tqishom bħala l-kisbiet u “s-suċċessi” tiegħek, Ronald kien xempju, f’għajnejja, ta’ bniedem miftuħ għal ħaddieħor għax mhux magħluq fid-dinja tiegħu. Kienet togħġobni dik l-ironija tiegħu, dik it-tbissima ftit imqarba, dik id-distanza minnu nnifsu li kienet tqarrabni lejh.
F’dik is-sena, l-2009, Ronald ipproponieli li flimkien ma’ kollega u ħabiba antika, Simone Galea, naħdmu fuq ħarġa speċjali tar-rivista akkademika li joħroġ iċ-ċentru li kien waqqaf fl-Università, il-Euro-Mediterranean Centre for Educational Research. Jien kelli ħafna dubji fuq is-sehem tiegħi fil-proġett. Għedtlu, Ronald, tinsiex li jien mhux ġej mill-qasam tal-edukazzjoni jew imqar mill-qasam tas-soċjoloġija. L-involviment ta’ Simone esperta fil-filosofija tal-edukazzjoni u poetessa, serraħli moħħi. Imma Ronald xorta kitibli fuq hekk: “L-edukazzjoni nistgħu narawha fis-sens wiesgħa tagħha, jiġifieri bħala proġett kulturali.”
Bqajt naħseb ħafna fuq dik id-definizzjoni. L-edukazzjoni bħala “proġett kulturali,” imma qabelxejn l-edukazzjoni bħala “proġett” li dejjem għaddej, dejjem janalizza lilu nnifsu b’dik id-distanza kritika li kont nassoċja ma’ Ronald. U “kulturali,” għax jinvolvi l-esperjenza u l-espressjoni tas-soċjetà kollha, ta’ kull bniedem u bniedma fl-ambjent li jgħixu fih.
Kitibli l-ewwel darba fuq dan il-ktieb fl-2009, imma domna ħames snin sakemm jien u Simone bagħatna l-manuskritt bl-istudji ta’ kollegi minn pajjiżi differenti lil Ronald u mbagħad lil Sense Publishers ta’ Rotterdam. Domna ħames snin għax jien naħdem bil-mod, u forsi naqbad wisq affarijiet f’salt. Imma Simone qatt ma qatgħet qalbha minni. U lanqas Ronald. Iħeġġeġ u jimbotta, jistaqsi u jissuġġerixxi iva. Imma qatt ma qata’ qalbu minni.
Il-ktieb ħareġ fl-2014. The Teacher, Literature and the Mediterranean. Editur ġenerali tas-sensiela, Ronald G. Sultana. Minflok bagħatni nixxejjer minħabba l-kedda li tajtu, kitbilna dan il-messaġġ:
“Dear Simone and Adrian, fl-aħħar wasalna… I read through the volume you have prepared, and it was well worth the wait: thoroughly enjoyable, provoking much thought, and also breaking ground in many ways. Prosit! I am really, really happy with the outcome, which must have cost you sweat, blood and tears given the other pressures of life that you’ve had to deal with…but that makes the collection of papers even more precious… From experience I know that you’ve had to do a lot of editorial work, particularly with those chapters authored by non-native speakers of English… a tedious job, and totally invisible (sometimes to the authors themselves!) and unacknowledged. Insomma, each book has its own story to tell, and its own saga…”
Ilbieraħ filgħodu, il-Ġimgħa, kelli seminar ma’ kollegi minn kull dipartiment, fakultà, istitut, u ċentru tal-Università. Ronald ma kienx magħna. Iltqajna fid-9.00am f’sala bla arja u bla dawl naturali f’waħda mill-binjiet relattivament ġodda tal-Università. Ftit wara li dħalna u għażilna l-post tagħna taħt units tal-airconditioning fit-temp pjaċevoli ta’ Novembru, ġriet l-aħbar dwar Ronald.
Jiġu mumenti meta kollox jinbela’ mill-aħbar, mill-ġrajja li seħħet ftit ’il bogħod imma ċċarratna minn ġewwa. Mid-diqa inkontrollabbli tal-fraġilità estrema tagħna.
Imbagħad, bil-mod il-mod, bdejt inħoss l-arja friska ta’ ħabib. Bdejt inħoss fuq qalbi d-dawl ġewwieni tal-qalb kbira tiegħu. Bdejt nilmaħ dik it-tbissima mqarba. U għal ftit, dik id-diqa inkontrollabbli battiet. Kważi kważi sa dalgħodu.
Adrian Grima
Hello Adrian,
Your beautiful tribute to Ronald Sultana made me feel as if I knew him. He must have been a simple and humble human being. Thank you.
Sahha
Carmen