F’Ġieħ Arnold: Id-Ditektiv tad-Dipartiment

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru 2023, Sala Pietru Pawl Saydon

Organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti

Prorettur Valerie Sollars, kollegi, ħbieb, Arnold,

Nilqagħkom għal din il-lejla li fiha se niċċelebraw il-karriera akkademika tal-Prof. Arnold Cassola fid-Dipartiment tal-Malti.

Ħajr lil Therese Borg tar-ritratt

Minn dakinhar li ltqajt miegħu l-ewwel darba bħala student tad-Dipartiment tal-Malti, Arnold Cassola qatta’ madwar 25 sena jgħallem il-letteratura Maltija u l-kritika letterarja fid-dipartiment tagħna. Għamel ukoll tmien snin jaħdem Brussell, u madwar sena u nofs bħala deputat fil-Parlament Taljan, imma llum ma’aħniex se nitkellmu fuq hekk. Mhux għax mhux interessanti jew relevanti għall-karriera akkademika tiegħu, imma għax meta titkellem fuq Arnold, xi mkien trid taqta’ linja, it-tip ta’ linja li Arnold ma tantx iħobb jaqta’. 

Meta beda jgħallem fid-Dipartiment tal-Malti fl-1988, jien kont wieħed mill-ewwel studenti tiegħu. Dak iż-żmien kont fit-tieni sena tal-Baċellerat fil-Malti li kien għadu kemm reġa’ fetaħ f’Ottubru tal-1987. Proprjament kont rajtu l-ewwel darba fil-11 ta’ Jannar tal-1988 meta għamel taħdita l-Università l-Qadima tal-Belt fuq il-manuskritt tal-Regole per la lingua maltese li kien sab Biblioteca Vallicelliana ta’ Ruma. Il-memorja tiegħi tafu li ma tiswiex karlina: kont konvint li din it-taħdita Arnold kien għamilha fl-Istituto Italiano di Cultura. 

Imma fuq ħaġa waħda m’għandix dubji: niftakar ċar lil Arnold jinsisti li dak li jsibu r-riċerkaturi jridu jaqsmuh ma’ kulħadd. Għax waqt li l-mertu tas-sejba huwa tagħhom, dak li jsibu huwa wirt komuni, u jrid jinqasam ma’ kulħadd. L-argument tiegħu ma kienx biss etiku. Kien qed jitkellem fuq ir-responsabbiltà tagħna bħala riċerkaturi lejn xulxin u lejn il-komunità li tafdana bil-wirt tagħha u tinvesti r-riżorsi u l-fiduċja tagħha fil-ħidma tagħna. 

Dakinhar niftakarni nħoss din il-fewġa friska ta’ trasparenza ġejja mingħand dal-Malti ftit Taljanizzat, imma Malti xorta waħda, li ġie apposta minn barra biex ikellimna. Dal-Malti li jgħallem f’waħda mill-iktar universitajiet prestiġjużi tal-Ewropa, La Sapienza ta’ Ruma; dal-Malti żbukkat li minflok żamm is-sejba tiegħu għalih, ġie fostna biex jaqsamha magħna. Kien diffiċli għalija nirreżisti dik il-fewġa ta’ enerġija ħielsa, ta’ entużjażmu li ġab miegħu.

Maż-żmien, l-ewwel bħala student tiegħu u mbagħad bħala kollega, kelli x-xorti nara kemm jieħu x-xogħol tiegħu bis-serjetà, kemm iħabrek; stajt nara kemm hu rett fl-imġiba tiegħu u fl-istess ħin kemm hu uman u leali lejn l-istudenti u lejn il-kollegi; kelli x-xorti nara kemm hu investigatur iddedikat u fitt, ditektiv li ma jaħrablu xejn; kemm japprezza u jirrispetta x-xogħol ta’ ħaddieħor, imma fl-istess ħin, kemm ikun irid jivverifika l-affarijiet hu, għax hekk magħmul. Kelli x-xorti nammira mill-qrib l-umiltà tiegħu bħala kollega li jaħdem kemm jaħdem u jaf kemm jaf, dejjem ħerqan biex jitgħallem. Kollega żbukkat imma dejjem umli; kultant qalbu żgħira imma dejjem qalbu kbira. 

L-Avventura tal-Pluralità

Fis-sena 2000, Mark Vella, permezz tad-dar tal-pubblikazzjonijiet tiegħu Minima Publishers, ippubblika l-ktieb ta’ Arnold The Literature of Malta: an example of unity in diversity, ġabra ta’ studji fuq aspetti u perjodi differenti tal-letteratura Maltija li Arnold kien xandar fi bnadi differenti.

Hemm studji dwar l-ewwel kitbiet bil-Malti; l-emigrazzjoni Maltija u kif titkellem fuqha l-letteratura Maltija fis-seklu dsatax, fosthom ix-xogħlijiet ta’ Ġananton Vassallo, Richard Taylor, Dwardu Cachia, u Manwel Dimech; il-mod kif il-poeżija tas-seklu tmintax u dsatax tpinġi lill-Musulmani, ngħidu aħna f’xogħlijiet bħal Il-Ġifen Tork tal-1852 ta’ Ġananton Vassallo; il-poeżija Romantika ta’ żewġ poeti Għawdxin, Ġorġ Pisani, u Roger Scicluna, li kien jikteb bl-Ingliż u ħareġ, ngħidu aħna A Book of Verse fl-1937; l-influwenzi Taljani u Ingliżi fix-xogħlijiet ta’ Rużar Briffa u Ġorġ Zammit; it-tiftixa tal-identità personali u nazzjonali fil-poeżija bl-Ingliż ta’ Victor Fenech; it-tema tal-migrazzjoni fil-letteratura Moderna Maltija, mill-emigrazzjoni lejn pajjiż ieħor f’rumanzi bħal L-Ewwel Weraq tal-Bajtar ta’ Alfred Sant tal-1968 għall-migrazzjoni minn raħal għal ieħor f’rumanz bħal I-Gidba ta’ Oliver Friggieri, jew mir-raħal għall-periferija fil-kampanja f’Samuraj ta’ Frans Sammut; u fl-aħħar it-tema attwali tal-immigrazzjoni f’Malta, fenomenu li kellna naddottaw kelma li għalina, fil-Malti, kienet ġdida, “immigrazzjoni.” Mhux għax dan kien fenomenu ġdid, għax l-istorja ta’ Malta rat ħafna immigrazzjoni, imma għax ma kienx parti mid-diskors tagħna bil-Malti, forsi għax ma kienx jaf man-narrattiva Romantika li bdejna nirrakkontaw meta bdejna niktbu bil-Malti. 

F’dan l-aħħar studju, Arnold jirrifletti fuq dawk li jsejħilhom l-implikazzjonijiet letterarji u soċjali u kulturali tal-immigrazzjoni. L-istudju jibda mis-seklu dsatax, minħabba l-influwenza qawwija li kellha fuq il-ħajja kulturali u politika tagħna l-preżenza qawwija ta’ eżiljati politiċi Taljani, u ftit jew wisq jieqaf hemm. Tistennieha, għax Arnold dejjem iddikjara, ngħidu aħna fil-laqgħat li nagħmlu mal-istudenti tat-teżi, li l-interess akkademiku tiegħu jinsab “fl-affarijiet tal-antik.” Imma fil-verità, naħseb li hu u jitkellem fuq l-antik, dejjem għandu l-ħarsa tiegħu fuq xi jfisser dak l-antik fuq il-ġdid, fuq dak li għaddej bħalissa, fuq kif se ninqdew bl-istorja biex nanalizzaw il-preżent.

Arnold jinqeda bis-slogan tal-Unjoni Ewropea, li permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għenet fil-pubblikazzjoni tal-ktieb,nbiex jipproponi qari partikulari ta’ dawn l-istudji tiegħu, lenti li biha ninterpretaw l-iżvilupp storiku tal-letteratura Maltija: Il-letteratura tagħna bħala eżempju tal-unità fid-diversità. Aħna nafu li s-slogans għandhom il-funzjoni utilitarja tagħhom. Qegħdin hemm biex jirrappreżentaw missjoni jew proġett u biex iqanqlu l-emozzjonijiet. Jekk irridu nkunu ċiniċi ngħidu li slogan, speċjalment fejn tidħol il-politika, qisu reklam. Biex ngħidha bit-Taljan, Gli slogan lasciamo il tempo che trovano. M’għandniex għalfejn inkissru rasna fuqhom.

Imma fl-interpretazzjoni li jipproponi Arnold f’dan il-ktieb li minnu nnifsu huwa unità ta’ kitbiet diversi, hemm chiave di lettura interessanti: fil-kuntest ta’ diskors dwar il-letteratura tagħna bħala espressjoni ta’ nazzjon magħqud, b’fattizzi unitarji stabbiliti mill-estetika Romantika Maltija ta’ bejn l-aħħar tas-seklu dsatax u l-ewwel deċennji tas-seklu għoxrin, Arnold jara letteratura oħra li ma tobdix il-liġijiet tal-estetika Romantika ta’ Malta Maltija li titkellem biss bil-Malti, jew tal-estensjoni u l-iżvilupp tagħha fil-Moderniżmu ta’ wara l-Indipendenza. 

Għalhekk il-ktieb, dan il-ktieb tiegħu dwar “il-letteratura ta’ Malta,” jitkellem fuq realtajiet li mhumiex periferiċi daqskemm ngħidu: il-letteratura Maltija miktuba bit-Taljan u bl-Ingliż; il-letteratura li kitbu dawk li ġew fostna; il-letteratura miktuba mill-Għawdxin; l-idea nfisha ta’ diversità minflok unità, ta’ plural minflok singular; il-problema tal-isterjotipizzazzjoni u d-demonizzazzjoni ta’ reliġjon oħra, ir-reliġjon Musulmani, li ftit jew wisq dejjem kienet preżenti f’Malta u minkejja li mhix daqshekk mifruxa, mhix inqas Maltija mir-reliġjon Kattolika. Appuntu: is-sabiħ tal-pluralità, tad-diversità.

Meta fl-aħħar essay tiegħu jitkellem fuq l-implikazzjoni soċjali u kulturali tal-immigrazzjoni, jirreferi għax-xogħol ta’ akkademika li dejjem ammira l-analiżi tiegħu, il-Prof. Armando Gnisci, kritiku letterarju li ħalliena fl-2019 u li kien jgħallem il-letteratura komparata fl-Università “La Sapienza” ta’ Roma. Fl-aħħar paġmo ta’ The Literature of Malta, Arnold jirreferi għall-kitba ta’ Gnisci fuq il-letteratura tal-immigrazzjoni fl-Italja, fuq din il-mewġa kbira ta’ kitba li ġabet magħha rikkezza kbira. Dan il-fenomenu qed narawh f’Malta wkoll tal-lum, tas-seklu wieħed u għoxrin, bil-kitbiet ta’ Walid Nabhan, Yana Psaila, u Murad Shubert. Jaf hemm oħrajn. Skont Gnisci, il-letteratura Taljana tal-immigranti hija iktar emanċipata u egalitarja mil-letteratura ta’ awturi Taljani tal-post. L-iktar aspett pożittiv li jislet Arnold mir-riflessjoni ta’ Gnisci, hi li din il-letteratura tal-immgranti tgħin lilna l-Ewropej niddekolonizzaw ruħna mill-ewroċentriżmu tagħna, minn kumpless ta’ superjorità li jfaqqarna.

L-isfida l-kbira, ikolli ngħid, hi li nilqgħu dawn il-vuċijiet, dawn l-esperjenzi, dawn ir-rikkezzi l-ġodda fil-letteratura Maltija, u nrawmu fiha dik il-kultura ta’ pluralità, ta’ diversità, li permezz tagħha tista’ tkompli tikber u tirrakkonta l-istejjer u l-aspirazzjonijiet tagħna, tagħna lkoll li ngħixu fuq din il-gżejjer, u lil hinn.

Adrian Grima, 10 ta’ Novembru 2023

___

Leave a comment