Ara wkoll: Daħlet ix-Xilep. Kontralimerikki tal-Pandemija
Waqt il-pandemija ktibt biċċiet ta’ proża dwar għadd ta’ waqtiet u esperjenzi li għall-bidu ridt ninkludihom f’Daħlet ix-Xilep, u mbagħad qtajtha li mhux posthom hemm. Għalhekk kont iddeċidejt li nippubblikahom online biex jikkumplimentaw il-ktieb.
Ir-Riħa Tfuħ tal-Ħobż t’Ommi (3)
Sibt il-Għid, il-11 ta’ April 2020, ommi, maqfula d-dar, iddeċidiet li taħmi l-ħobż. Meta ttawwaltilha filgħaxija qagħdet tirrakkontali dwar il-ħobż. Jien, li ma niftakar kważi xejn u l-ftit li niftakar niftakru ħażin, ġiet f’moħħi l-ewwel darba li rajt lil ommi, li xejn ma jaqtgħalha qalbha, taħmi l-ħobż.
Naħseb li kellha tkun ħobża tal-Malti. Niftakar ħaġa baxxa u ftit iebsa, imma tfuħ, tfuħ daqs ħobża tal-Malti, u t-togħma tagħha bnina. Għandi din il-memorja vaga ta’ slice minn din il-ħobża baxxa, sħuna, tfuħ, bil-butir idub minnufih fuq il-bieba mqanqla u magħquda tagħha.
Forsi din nostalġija falza. Forsi qed ngħaqqad memorji ta’ ġrajjiet differenti flimkien. Kif nagħmel sikwit. Imma dik ir-riħa tfuħ, dik l-atmosfera ta’ avventura li sikwit kienet toħloq ommi, dik il-ħmira ta’ attività u mistennija… dawk hemm qegħdin, ingastati xi mkien fil-memorja.
Ftit jiem wara, Yanika Schembri Fava sabet artiklu ta’ Guido Lanfranco dwar il-ħobż f’Malta u tellgħatu fuq is-sit tal-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali. Oħroġ il-għaġeb, fih kien hemm riferiment, għalija providenzjali, għall-istrajk li kelli memorja mċajpra tiegħu:
Fi Frar u Marzu tal-1977 kien hemm strajk tal-furnara u l-bejjiegħa tal-ħobż minħabba li riedu xi marġini ta’ qligħ aħjar għal xogħolhom. Billi dan l-istrajk dam xi jiem sewwa, il-gvern irrekwiżizzjona xi fran u beda jqassam il-ħobż permezz tal-forzi armati, iżda xorta waħda mhux kulħadd kien jilħaq il-ħobż, għalhekk xi nies tħajru jagħmu l-ħobż huma stess, u bdew joħorġu riċetti ta’ kif tagħmel il-ħobż fuq il-gazzetti u fuq it-televiżjoni. Ġeneralment ir-riċetta kienet din: kuċċarina zokkor, ratal dqiq, uqija ħmira, ftit melħ, pinta ilma; ħallat l-ilma fietel maz-zokkor u l-ilma fid-dqiq, ħallihom joqogħdu għal xi ħamsa u tletin minuta (mhux fil-kesħa); għaġinhom, ħallihom xi għoxrin minuta oħra joqogħdu. u wara daħħal kollox f’nar qawwi (xi erba’ mitt grad ċelsju) għal xi għoxrin jew tletin minuta.
Guido lanfranco, “Dwar il-Ħobż maltii”
Qed nitkellmu fuq 43 sena ilu. Jien kelli disa’ snin. Skola kont immur id-Dorotej ta’ Tas-Sliema. Mill-Gżira fejn konna noqogħdu aħna f’dar kbira bil-ġnien ħdejn il-Kulleġġ ta’ Stella Maris li fiha issa hemm disa’ appartamenti ċkejknin, sad-Dorotej ma kienx hemm bogħod. Forsi 25 mixi, bit-telgħa tas-Savoy fin-nofs. Aħna konna fost l-aħħar subien li ġrejna fil-bitħa mxattra ta’ dik l-iskola tas-sorijiet li fiha Beppe kiser idu u lgħabna bil-ballun u fraħna u ġġelidna fl-ispeċi ta’ sala bil-ħnejjiet miftuħa ta’ maġenbha. Ommi u missieri kienu jeħduna l-iskola huma, lili u lil oħti Priscilla, bit-Triumph Herald, u mbagħad kienet tiġi tiġborna ommi. Ftit li xejn niftakar minn dak iż-żmien l-iskola. Niftakar biss waqtiet. U għandi ftit sensazzjonijiet u impressjonijiet, ma nafx tistax tqishom bħala memorji. Żewġ subien Maltin b’kunjomijiet mhux tas-soltu qed jitkellmu bit-Taljan bejniethom. Għalliema qalbha tajba. Għalliema ddixxiplinata. Il-ponta tal-lapes dieħla fil-ġenb ta’ driegħi u d-demm u l-ponta s-sewda li ħalliet warajha. Il-fawra kkontrollabbli li kienet titlagħli kull darba li kont nisfida lis-subien il-kbar. U mbagħad il-ħbieb. Kevin. Beppe. Alla jaħfirlu, André. Peter. U l-ħabib tal-qalb, li kien jibqa’ ġej miegħi d-dar, u l-baħar fis-sajf, u kullimkien. Il-ballun.
Meta filgħaxija qbiżt s’għand ommi biex nara kif inhi u nagħmlilha ftit kumpanija, semmejtilha l-istrajk tal-ħobż. Dak kollu li ma niftakarx jien, tiftakru ommi. Jien għandi hard disk spiċċuta. Ommi għandha kollox fuq il-cloud. Dejjem sinkronizzata. Tiftakar kollox, kollox. Kemm tidħol fil-folder, tagħżel il-file, u tiftaħ. U miegħu tiftaħ ruxxmata files oħra. Ikollha l-browser kollu twieqi miftuħin, maġenb xulxin. File wieħed jiftaħ l-ieħor, mingħajr tbatija ta’ xejn. Kollox miftuħ. Kollox f’postu. U meta semmejtilha l-istrajk tal-ħobż wiċċha mill-ewwel xegħel b’dik il-leħħa tal-memorja verament tal-għaġeb li għandha, Alla jberikha. Minnufih kellha xena sħiħa quddiemha. Qishom ma kinux għaddew erbgħin sena u fuqhom.
L-ewwel kemmxet wiċċha. Għal nofs Malta Mintoff kien dejjem jara kif se jaqla’ l-inkwiet u ma’ min se jaqbad. Għan-nofs l-ieħor kien is-Salvatur li ried jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq għax ma riedx iħalli d-dinja maqluba kif sabha. Imbagħad semmietli l-ħobż li kienet taħmilna għall-iskola. Ħbejt kemm stajt il-mistħija li ma ftakart xejn minn din il-biċċa xogħol li kienet tagħmel għalina ta’ kuljum, u qgħadt nammira l-kburija ġentili li feġġet f’wiċċha. Il-kburija ta’ mara li xejn ma kien jaqtgħalha qalbha, basta għalina, għal uliedha. Kollox kienet tipprova. Bid-determinazzjoni, is-sens ta’ avventura, u l-umiltà. La jkun kapaċi jagħmilha ħaddieħor, kienet kapaċi tipprova hi wkoll. Mingħajr pretensjonijiet. Mingħajr arja. U b’sens kbir ta’ sagrifiċċju. Fuq hekk ippruvajt nikteb kontralimerikk, fuq din il-ġrajja tal-ħobż, imma ma wasaltx. Il-limerikk flixkun ċkejken, u fih ridt indaħħal ħafna affarijiet. U kull darba bdew jiżżerżqu minn bejn subgħajja l-kelmiet u l-ġrajjiet.
Il-ħobż li ħmiet ommi fil-jiem ta’ dak l-istrajk fi Frar u Marzu tal-1977 ma kienx jixbah għalkollox il-prodott tal-ifran li kienu qed jipprotestaw. Imma l-ħobż tagħha xorta waħda kien bnin, u jfuħ, u jdewweb il-butir u jinżillek għasel. U fuq kollox kien il-ħobż t’ommi. Jista’ jkun li l-vizzju tal-ħobż li ħakimni matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin inħema xi mkien fir-riħa tfuħ tal-kċina t’ommi ta’ dawk il-jiem.
L’albero degli zoccoli (2)
Il-ġranet għaddejjin u tlift l-irkaptu. Dil-ġimgħa għamilt appuntamenti ta’ sagħtejn kull wieħed ma’ żewġ studenti biex inkomplu naħdmu fuq it-teżijiet tagħhom. Naħseb li kienet studenta oħra li fost il-ġimgħa ġegħlitni nirrealizza li l-Ġimgħa l-Ġimgħa l-Kbira. Iż-żmien qed jagħfas biex ilestu t-teżijiet tagħhom u jien qed indurhom magħhom biċċa biċċa. Għalhekk ktibtilhom malajr, skużajt ruħi, u għedtilhom li jekk iridu nistgħu nagħmlu l-laqgħa kmieni d-dieħla.
Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ April 2020, il-Ġimgħa l-Kbira, fuq Rai Tre rajna l-kapulavur ta’ Ermanno Olmi, L’albero degli zoccoli (1978), li kien rebaħ il-Palma d’oro fil-Festival ta’ Cannes u l-Premio César għall-aħjar film barrani.
Il-jum beda bid-doża qawwija ta’ kuljum ta’ aħbarijiet dwar l-imxija tal-COVID-19 li tilħaq il-qofol tagħha bil-bullettin li tagħti l-Prof. Charmaine Gauci, supretendent tas-Saħħa Pubblika, normalment fin-nofsiegħa. Imbagħad tkaxkar bil-mod lejn l-aħbarijiet tat-8.00pm fuq l-istazzjon nazzjonali, bit-taħlita ta’ informazzjoni dwar kif kategoriji u oqsma differenti qed jintlaqtu mit-tixrid u l-biża’ minn dan il-virus, kunsinna ta’ stejjer ta’ qsim il-qalb, u kultant anki analiżi.
Imbagħad RAI Tre. Kull darba li nintefa’ quddiem it-televiżjoni nħossni qed immur lura f’epoka antika, epoka li wliedi ma jafux u ma jifhmux. U din tiġrili iżjed u iżjed meta nara programm bit-Taljan, l-iktar lingwa li nħossha qrib tiegħi wara l-Malti, forsi għax hemm ħafna xebh bejniethom.
L’albero degli zoccoli huwa film ta’ madwar tliet sigħat. Għall-bidu taħsbu dokumentarju għax m’hemmx wisq djalogu, speċjalment fl-ewwel xeni, u d-djalogu li hemm huwa bil-bergamasco, id-djalett tal-inħawi ta’ Bergamo fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, fejn l-imxija ħalliet ħafna vittmi. (Teżisti wkoll verżjoni tal-film bit-Taljan standard, bl-ilħna tal-istess atturi, imma din mhix il-verżjoni li rajna.)
Id-direttur donnu iktar medhi jiddokumenta realtajiet soċjali u jiddeskrivi xeni milli jirrakkonta stejjer li għandhom il-bidu, in-nofs u t-tmiem tagħhom. Ir-ritmu mhux mgħaġġel imma lanqas mhu kajman wisq. Bil-mod il-mod jibdew jinkixfu l-istejjer individwali li jingħaqdu flimkien fil-“cascina,” razzett b’għadd ta’ binjiet u b’bitħa kbira fin-nofs fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, fejn jgħixu erba’ familji ta’ bdiewa fqar li jaqilgħuha u jikluha. Kuljum jistennew li jsibu ma’ wiċċhom xi diżgrazzja li tkissirhom. Imqar diżgrazzja “żgħira,” bħall-mewt ta’ baqra. Ħajjithom prekarja u r-reliġjon Kattolika toffrilhom faraġ u wens.
Fil-preżentazzjoni tal-film, Massimo Gramellini jitkellem fuq kif “din il-kwarantina twila” qed tagħtina l-opportunità li nerġgħu naraw, jew naraw għall-ewwel darba, films importanti mill-passat, kultant kapulavuri minsija. Fil-kuntest tat-traġedja umana li ħakmet lil Bergamo mhix kumbinazzjoni, jgħid Gramellini, li r-RAI Tre għażel li fil-Ġimgħa l-Kbira juri film ambjentat fil-kampanja bergamasca minflok f’xi waħda mill-bliet il-kbar taċ-ċinema Taljana, bħal Milan, Ruma u Napli. Minflok iċ-ċentru, biex ngħidu hekk, l-istazzjon għażel il-periferija, l-istorja ta’ nies komuni vittmi tad-destin, u tal-abbandun u l-faqar, fenomeni tal-Istorja u tal-bnedmin.
Ambjentat fl-aħħar tas-seklu dsatax, il-film jirrakkonta l-istorja ta’ tifel li kuljum irid jimxi sitt kilometri biex imur l-iskola u sitt kilometri lura. Jum fost l-oħrajn, waħda miz-zokkli li jkun liebes, għamla ta’ sandli bil-qiegħ tal-injam, tinqasam. Missieru, gabillott fqir, m’għandux biex jixtrilu zokkla oħra. Għalhekk jiddeċiedi li, bil-moħbi ta’ sid l-art fejn jaħdem u fejn tgħix il-familja, jaqta’ z-zokk ta’ siġra biex minnu jaħdem zokkla għal ibnu. Dik id-deċiżjoni tqanqal sensiela ta’ ġrajjiet li l-film jirrakkonta b’passjoni u ħila artistika li ma bħalha.
Ermanno Olmi, jgħid Gramellini, ħa ħsieb kull aspett tal-film, mill-kitba tal-istorja u l-iscript, sad-direzzjoni, il-produzzjoni, u saħansitra l-muntaġġ (“soggetto, sceneggiatura, regia, produzione, e perfino montaggio”). L-unika ħaġa li m’għamilx kienet il-mużika. Hawnhekk irrikorra għas-sonati ta’ Bach. L-atturi li ħadem bihom kienu kollha bdiewa mill-provinċja ta’ Bergamo li qatt qabel ma kienu ħadmu partijiet fil-films. F’dan is-sens, jgħid Gramellini, dan huwa film fit-tradizzjoni tan-Neo-Realiżmu, minkejja li fl-1978, meta nħadem il-film, dan il-moviment, li laħaq il-qofol tiegħu fis-snin erbgħin u ħamsin, kien diġà ilu li spiċċa.
L-influwenza tar-Realiżmu taċ-ċinema Taljan tinħass sew, mill-ewwel inkwadraturi u xeni. F’dan is-sens, jgħid Gramellini, dan huwa film fit-tradizzjoni tan-Neo-Realiżmu, minkejja li fl-1978, meta nħadem il-film, dan il-moviment, li jilħaq il-qofol tiegħu fis-snin erbgħin u ħamsin, kien diġà ilu li spiċċa.
Kelma tal-aħħar fuq l-isem tal-film, li fil-verżjoni Ingliża huwa The Tree of Wooden Clogs. Il-kelma bil-Malti għal “zoccoli,” “zokkli” qatt ma kont iltqajt magħha qabel ma qrajt il-manuskritt tal-ewwel rumanz ta’ Concetta Brincat, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk, tal-1919. Hemmhekk iz-zokkli jissemmew darbtejn. F’Kap VIII tal-ewwel taqsima tal-ktieb dwar il-ġurnata li jqattgħu flimkien “In-Nanna Marì u Katarin,” il-vuċi narrattiva eterodijeġetika tagħtina din id-deskrizzjoni ta’ Lucy, bint Katarin:
“Fil-waqt daħlet tifla ta’ xi għaxar snin liebsa geżwira ħadra bilfaxxi ħomor, fardal żgħir isfar, qmis bajda ħoxna bil-kmiem twal wesgħin tidhrilha minn taħt sidrija ħamra, xuxitha safra mdaħħla ġewwa skufja bajda kif jużaw il-kampanjoli, u par zokkli f’riġlejha. Kellha buqar mimli ħalib.”
It-tieni referenza għaz-zokkli nerġgħu nsibuha fl-ewwel taqsima tar-rumanz, f’din ix-xena pastorali f’Kap XIII dwar “Il-Viskonti ta’ Lausanne u s-Sabiħa Raħħala”:
“F’daqqa waħda jisimgħu vuċi l-iżjed sabiħa tgħanni għanja kampanjola. Mexxew iż-żwiemel tagħhom bil-pass biex jaraw minn fejn kien ġej dan il-għana. Ftit passi oħra jilmħu xebba ta’ ġmiel imprezzabili, għalkemm liebsa ta’ raħlija bil-geżwira u biz-zokkli goffi f’riġlejha qiegħda bilqiegħda fuq il-ħaxix taħt dell ta’ siġra taħdem il-kalzetta. Ftit bogħod minnha għaxar nagħġiet qegħdin jirgħu.
Mhix ħaġa stramba din ir-referenza għad-dettall fl-ilbies fir-rumanz ta’ Brincat, għax il-kitba tagħha mimlija b’deskrizzjonijiet simili. Dan, fil-fatt, huwa wieħed mill-fatturi li jagħżel ix-xogħol tagħha minn dak tal-awturi popolari (u kummerċjali) ta’ żmienha.
Fattur ieħor huwa l-attenzjoni li tagħti mhux biss lid-dinja tan-nobbli, bl-istil ta’ ħajja u bl-għamajjar tagħhom, imma anki lill-ħajja ta’ kuljum tal-familji tal-ħaddiema l-fqar, bħal dik ta’ Katarin, żewġha Pietru, u wliedhom Andrea u Lucy. F’dan l-aspett, u fl-espressjoni qawwija tal-fidi Kattolika, hemm ċerta qrubija bejn il-ġrajja li tirrakkonta Brincat u l-ġrajja li jirrakkonta Ermanno Olmi fil-kapulavur ċinematografiku tiegħu dwar is-siġra taz-zokkli u l-inġustizzja strutturali li teżisti fis-soċjetà.
Pariġi m’hemmx Paniku (1)
Pariġi fil-bidu ta’ Marzu. M’hemmx paniku. L-ixkafef tas-supermarkets mimlijin rombli tat-toilet paper, ta’ kull daqs u għamla. In-nies mhux qed jieħdu b’idejn xulxin u mhux qed jitgħannqu jew jitbewsu. Kultant xi ħadd jinsa. Jew jistħi. Kultant xi ħadd taqbiżlu u jagħmel kif ilu jagħmel ħajtu kollha.

L-università fejn ngħallem kulħadd iżomm id-distanza. Forsi mhux żewġ metri. Kultant forsi lanqas metru. Imma ftit iktar distanza mis-soltu hemm. Hawnhekk dejjem iżommuha d-distanza. Din mhix Malta. Imma l-virus qiegħed ’il bogħod. Bħas-SARS jew l-Ebola. Qisu storja fit-tarf tal-aħbarijiet jew artiklu f’magażin dwar dinja mbiegħda.
Min-naħa l-oħra, xi ħaġa mhix sewwa Pariġi. It-turisti ma ġewx. Hemm min qed jagħtas bil-libertà tas-soltu. Hemm min qed jisgħol bħalma jisgħol kull xitwa, kull filgħodu. Hemm min hu diskret u hemm min mhuwiex. Bħal kull filgħodu. Imma tinduna li anki f’tal-linja, fil-metrò u saħansitra fit-triq in-nies qed iżommu ftit iktar ’il bogħod.
Malta hemm il-paniku. Tliet kwarti tal-messaġġi li qed nirċievi minn Malta huma dwar l-imxija tal-coronavirus. Naħseb li l-iktar xbihat li jinkwetani huma tas-supermarkets bl-ixkafef vojta. Qed jgħidu li m’hemm toilet paper imkien. U n-nies qed jaħżnu l-ikel.
Pariġi l-lezzjonijiet baqgħu sejrin bħas-soltu. M’hemm ebda paniku. Imħaxkna bejn ħaġa u oħra, il-kap tad-dipartiment jgħidli li l-gwardjani li jfittxulek fil-basket fil-bieb prinċipali tal-Inalco qed jinkwetaw. Jekk se jibdew ilaqqtu l-virus n-nies, huma se jkunu minn tal-ewwel. Minn ta’ quddiem.
Lejlet li niġi lura tiktibli ħabiba tiegħi minn Malta. “Adrian, attent jekk kont f’sala ta’ 500 ruħ. Il-virus jaf joħroġ wara 14-il jum. Tifhimnix ħażin imma int ma tafx min kien hemm f’dik is-sala u allura jaf qiegħed fuqek ukoll. Skużani qed insemmilek dawn l-affarijiet imma ma nistax ma ngħidlekx.” Naf li qed tinkwieta għalija u għal dawk li jistgħu jiġu f’kuntatt miegħi, fosthom tad-dar. Nipprova ma ninkwetax lili nnifsi. “Issa naraw bil-kalma. Pariġi mhix high risk. Bl-ebda mod. Issa naraw bil-kwiet għada.” Tweġibni minnufih. “Qed ngħidlek hekk għax hawn, ħi, il-panic li hawn huwa kbir.” Inweġibha malajr jien ukoll. “Hekk qed nara. Pariġi ma tħassar xejn. Ħadd ma jmiss lil ħadd u jien nipprova ma mmiss xejn b’idejja fuq barra. M’hemmx tgħanniqa u teħid tal-idejn. Xejn. Tax-xogħol lil Nathalie qalulha li minn Pariġi m’għandhiex għalfejn tagħmel kwarantina la mhix marida.” U norqod l-aħħar lejl fit-tramuntana bil-ħsieb li aħjar inniżżel romblu toilet paper miegħi Malta minn Pariġi.” Kollega oħra tiegħi, għalliema fis-sekondarja, tgħidli li Malta hemm “paniku kbir. Anka t-tfal tal-iskola mhux qed jiġu ħafna
.” L-emojis jiffrankawlek ħafna kliem, kultant kliem żejjed, u fl-istess ħin jagħtu bixra fiżika lill-komunikazzjoni virtwali.
Ħabib ieħor, awtur Malti-Awstraljan, jgħidli li f’Melbourne semgħu li l-virus qed iħarbat lill-Franċiżi: “We have been told down here that Corona virus has destroyed the well-known penchant of the French for kissing on both cheeks, and that we should merely kiss the index finger in recognition (to avoid contamination!!).” Dawn kienu messaġġi miktubin f’Marzu tal-2020. L-affarijiet kellhom jisserjaw sew. U kellhom jibdew imutu n-nies kullimkien, mhux f’pajjiżi mbiegħda biss. U mal-biżgħat kellhom jitqanqlu wkoll ix-xnigħat u l-interpretazzjonijiet kumplottisti tal-aħbarijiet. Imma fix-xhur ta’ wara Marzu 2020 kellna ħafna iktar lok u aptit biex ninkwetaw fuq id-diskors, in-nofs diskors, u l-allegazzjonijiet, u nagħmlu l-investigazzjonijiet tagħna.
L-Ewwel Dehxa (4)
It-Tnejn l-4 ta’ Mejju 2020. Isiru s-sitta u nofs u jtini ġenn. Nagħlaq il-laptop u nibda nfittex il-malja. Kemm mingħalija ħallejtha fejn insibha. Ili ġimgħa nistenna l-waqt addattat u llum jidher li wasal. Imma jekk isiru s-7.00pm jaf tilħaq togħsfor ix-xemx minn fuq il-blat u ma rridx ngħum l-ewwel għawma tiegħu tal-COVID-19 fid-dell ta’ xemx li nħbiet wara l-għolja tal-Madliena jew fejn jiġi.
Naqbad il-karozza u nirrealizza kemm ili ma nsuq. Jew id-dar jew nimxi. Imma nsuq kważi xejn. Fejn tridni mmur? Pembroke għandna x-xagħri, il-baħar, il-fjuri, l-għasafar, il-kwiet tal-pandemija. Ma jiddispjaċini xejn li ili ma nsuq. Għad nibkihom dawn il-jiem.
Il-bajja kważi vojta għalkollox. Hemm tnejn min-nies telgħin bix-xugaman fuq spallejhom. Koppja. U bix-xorzijiet. Ħdejn l-erba’ tarġiet li jagħtu għall-bajja hemm tliet anzjani fuq pultruni tal-baħar. Nistaqsihom kienx hemm min kien qed jgħum. U jweġbuni b’entużjażmu li kien hemm ħafna. Il-bajja nadifa. U vojta. Fis-sajf biex tkun kreattiv ħafna biex issib fejn titfa’ basket u par sandli qalb il-lingwi differenti u l-irqajja’ żgħar ta’ ilma.
Kulħadd għandu d-distanzi sigrieti tiegħu fejn jidħol l-ispazju privata imma din bajja ċkejkna misruqa mix-xagħri u jekk kulħadd iżomm id-distanza obbligatorja ta’ żewġ metri minn ħaddieħor, das-sajf se jkollna ninkitbu biex ninżlu ngħumu hawnhekk minn ġimgħa qabel. Bħad-deliveries tas-supermarkets. U mbagħad kif tagħmel jekk wara ġimgħa tistenna tinzerta baħar ’il ġewwa, ħmieġ u bram? Tistenna ġimgħa oħra? U jekk jerġa’ jinzerta ’l ġewwa? Se jonqsu l-lingwi das-sajf żgur, imma mhux se jonqsu ħafna, għax ħafna minn dawk li jinżlu hawn jgħixu fil-qrib.
Nimmarka roqgħa fejn se nitfa’ l-basket. Hemm tlett ixjuħ warajja u l-baħar quddiemi. M’hemmx fiex nitfixkel. Inneħħi l-flokk. Inneħħi s-sandli. Niċċekkja li l-lazz tal-malja l-antika li sibt minflok il-malja l-proprja marbut sew. U ġa nieżel l-iskaluni tal-sellum kollu sadid li baqa’ ggranfat mal-blat xitwa sħiħa.
Xitwa. Il-kelma ġġib hekk. Dis-sena reġa’ ma kellniex xitwa. Parentesi bejn żewġt isjuf. Imma ma tgħidx li kellna xitwa. U xita ma kellniex żgur. Ferħa bla temma sa Diċembru u mbagħad skiet perfett. Donnu bi tħejjija għall-imxija.
Għadhom l-4 ta’ Mejju. Nistenna dehxa qawwija. Nistenna riġlejja jinqatgħu minn qalbi. Nistenna qtugħ ta’ nifs iktar kattiv mill-coronavirus. Uġigħ ma’ ġismi kollu. Waqt ta’ rabja kbira miegħi nnifsi. Minflok nibqa’ nieżel b’lura, skaluna wara l-oħra, bla taħbit ta’ xejn. Idejja jżommu sod mal-ħadid tas-sellum. U addijo coronavirus. Tgħid jibqa’ ħaj il-mikrobu stupidu ta’ dal-virus ħdejn il-baħar? Jew l-arja tal-baħar tnixxfu?
Il-kesħa fina ssib kull ġog u kull għadma li għandi taħt il-ġilda ta’ xitwa quddiem il-kompjuter nikkumbatti mal-korrispondenza u mal-amminstrazzjoni. Indur u nintelaq. Għax hawn baxx wisq u ma nistax naqbeż għal rasi. Kieku hekk nixtieq. Neħodha għal rasi. Mill-għeluq tal-iscreen dritt għal ġol-baħar.
Naqdef ftit, wiċċi ’l isfel, qisni rrabjat, kif nagħmel kull meta ninżel il-baħar. Nipparkja. Nimxi ftit passi sal-bajja. Nimmarka roqgħa. Nitfa’ l-basket. Inneħħi l-flokk u s-sandli. Naqbeż ġol-baħar. U naqdef wiċċi ’l isfel, sakemm jegħjew dirgħajja u jinqatagħli nifsi. Minkejja li għad għandi l-ilma bil-melħ f’għajnejja, il-qiegħ jidher ċar kristall. Kull ċagħqa. Jgħidu li m’hemmx żmien aħjar biex tgħum għawma. Il-baħar ikun għadu ma saħanx. L-għawwiema jkunu għadhom ftit. U tħossok qed tagħmel xi ħaġa speċjali. F’dik ir-roqgħa hemm int biss. Int u l-ilma nġazzat jitħabbeb mal-ġilda maħsuda.
Inħoss il-wens tat-tlitt ixjuħ li tawni parir tajjeb u għandhom għajnejhom fuq il-bajja kollha. Ma nħobbx ngħum f’roqgħa fgata bin-nies. Imma lanqas ma nħobb inkun waħdi quddiem dak il-baħar kollu. Ma jirnexxilix naqla’ għajnejja minn fuq ix-xefaq maqtugħ dritt.
It-tbassir tat-temp kien eżatt.
- Riħ: Majjistral għal Grigal Forza 5/6 għal 3/4 sa filgħodu, li jsir Grigal għal Nofsinhar matul il-jum u jonqos bil-mod għal Forza 1/2 sa filgħaxija
- Kundizzjoni tal-Bahar: Moderat għal Ħafif
- Direzzjoni tal-Mewġ: Majjistral għal Majjistral it-Tramuntana
- Għoli Medju l-Mewġ: 1.9 metri għal 0.8 metri
- Kundizzjoni l-Imbatt: Baxx Punent għal Ftit li Xejn
- Temperatura Baħar: 18°C
- Viżibilità: Ġeneralment Tajba
Hemm dgħajsa tal-qlugħ ġejja lejna min-naħa ta’ fuq. Spettaklu waħedhom dawn il-qlugħ. Ma tantx għandhom riħ fiex jixxalaw il-qlugħ, imma jidhru stirati u d-dgħajsa tidher miexja bil-pass tagħha. Aktarx miexja aktar milli tidher minn din il-qala. Ġieli jgħaddu qatgħat sħaħ ta’ dgħajjes tal-qlugħ fis-sajf, qlugħ bojod li mix-xatt jidhru nodfa tazza, qishom liżar li għadu kemm tgħalla u ntaxar. Dan tal-lum qala’ jagħti fil-griż. Ċar imma jagħti fil-griż.
Imbagħad f’salt wieħed, ftit metri ’l bogħod minni, nilmaħ id-dawl ileqq ta’ qatgħa ħut żgħir jaqbeż minn ġol-baħar b’ħeffa saħħarija. Naħseb li rajt xena bħal din xi darb’oħra f’din il-bajja. Imma bix-xefaq maqtugħ kif inhu, il-qiegħ spjegat, is-sħana fietla tax-xemx tar-rebbiegħa, u s-skiet ta’ bajja li għadha qed tistenna l-qilla tas-sajf, il-ħutiet jaqbżu flimkien donnhom iridu jiċċelebraw il-ħeffa tagħhom. Infittixhom taħt il-wiċċ imma ma nilmaħhom imkien. Dawn huma r-rigali żgħar tal-ħolqien li ma tistax tispjegahom. Tista’ biss tgawdihom. Ma nifhimx fil-ħut, imma ma nimmaġinax li hu rondinell komuni għax dan normalment dan ikun twil xi 15-il ċm. U dan il-ħut rajtu iżgħar minn hekk. Imma ma nafx.
Inqatta’ l-aħħar ftit ħin ngħum bejn roqgħa sħuna u oħra. Nibqa’ fil-baxx. Fejn ix-xemx ta’ jum sħiħ tħalli r-rifsa tagħha. U mbagħad ngħum lejn is-sellum kollu sadid, l-aħħar qadfa, nipprova nitla’ mingħajr ma naqbad mal-ħadid, naqta’ qalbi, u mmur ingawdi l-aħħar raġġi tax-xemx fuq il-blat sħun.
It-tlitt ixjuħ li wennsuni m’għadhomx hemm. Ma nafx kemm ilhom li telqu. Imma issa hemm koppja fit-tarf tal-blat medhijin bil-baħar. U b’xulxin. Nixxotta, nilbes, nitfa’ l-basket fuq dahri, u nħalli l-bajja għalihom.
4-5 ta’ Mejju 2020
Ir-ritratti kollha f’dawn il-kitbiet ħadthom jien fiż-żmien li qed nitkellem fuqu.





One thought