In the Unlikely Event

Kultant l-intelliġenza artifiċjali ma ġġibhiex żewġ. Wara li qrajt minn fuq il-Kindle t-tieni rumanz tal-kittieba Palestinjana Adania Shibli, “We Are All Equally Far From Love,” bi tħejjija għall-intervista li se nagħmlilha fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta nhar is-Sibt 26 ta’ Awwissu, Amazon jibagħtuli email pulita. “What to read after ‘We Are All Equally Far From Love.'”

Deskrizzjoni tar-ritratt mhux disponibli.

“Eħe?”

“Customers who have shown interest in ‘We Are All Equally Far From Love’ might enjoy these recommendations.”

“Ħa nara.”

Nistenna li se nara l-iktar rumanz riċenti u magħruf tagħha “Minor Detail.” Jew forsi l-ewwel wieħed, “Touch.”

Imma jew għax xtrajthom diġà, jew għax wieħed minnhom jaf li qrajtu diġà, jew sempliċiment għax tuba, Amazon ma jirrakkomandali xejn minn ta’ Adania Shibli.

“Tgħid Ghassan Kanafani?”

“Għax ma taqrax lil Elias Khoury?”

“Jew Kamila Shamsie?”

Minflok l-intelliġenza ta’ Amazon tirrakkomandali ktieb dwar il-kriżi fil-klima, “A radically new understanding of and practical approach to climate change…”

“Eħe?”

“X’iżjed, ħi?”

Imbagħad “The guide to approaching leadership in a rapidly changing world…”

Dan ma jafx li kieku jibagħtuhuli b’xejn, jew iħallsuni, ktieb bħal dan ma naqrahx? Lanqas, kif ngħidu, jekk iddehebni?

Imbagħad is-sapjenza ta’ Amazon tirrakkomandali erba’ “Best sellers,” minn daw’ tal-ajruport, biex niftiehmu. Li l-kopertina tagħhom tagħrafha mill-bogħod, qisha tebgħa, jew ħżieża.

“Never Lie: An addictive…”

“The Way I Hate Him.”

Mela.

“The Housemaid: An…”

“In the Likely Event.”

Vera ntfajt naqra. Awwissu huwa x-xahar tal-qari. Imma għandi komodina mimlija kotba, u tavolina miksija, u skrivanija mifnija. U meta nsiefer l-ewwel ħaġa li nippjana hija l-kotba li se nieħu miegħu. U r-rakkomandazzjonijiet tal-Amazon nerfagħhom fil-post li jixraq lill-intelliġenza tagħhom.

“Ftehemna?”

Imma mbierka s-sapjenza, Amazon jaf kollox. Minn qabel.

“We hope you found this message to be useful. However, if you’d rather not receive future e-mails of this sort from Amazon.com, please opt-out here.”

Tiħux għalik. Ħa nikklikkja, ħi.


Leave a comment