Ir-Rumanzi Polizjeski ta’ Pawlu Xuereb

Is-Sinjura Edwige Xuereb, l-armla tal-eks Aġent President ta’ Malta Pawlu Xuereb, iltaqgħet ma’ Wayne Camilleri li għadu kemm kiteb teżi tal-Baċellerat fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta dwar it-tliet rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb fis-snin sittin: Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa (1967), Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner (1967) u Qtil f’San Pawl il-Baħar (1968).

Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Joseph Borg mid-dar tal-pubblikazzjoni SKS u  l-Prof. Adrian Grima li kien ħajjar lil Wayne biex jiffoka fuq it-triloġija ta’ Xuereb u mexxieh matul il-proċess tal-qari u l-kitba tat-teżi.

Mox-xellug: Dominic Galea, Edwige Xuereb, Wayne Camilleri, u Adrian Grima. Ritratti meħud minn Claire Xuereb Grech.

Wayne spjega lis-Sinjura Xuereb li dawn it-tliet rumanzi ta’ Xuereb għandna iżjed inqisuhom bħala “rumanzi polizjeski”. Il-karattru ewlieni fit-tliet kotba huwa Tarcy Saydon, suprintendent assenjat bħala ditektiv fil-korp tal-pulizija li jinvestiga l-każijiet li jkollu quddiemu, kemm jekk huma fuq qtil bħal fil-każ ta’ Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa u Qtil f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll jekk huma fuq serq, bħal fil-każ ta’ Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner.

Bil-kontra tal-ġeneru tad-ditektivs, fil-polizjesk, inkluż fil-polizjesk ta’ Xuereb, id-ditektiv jeħtieġ l-għajnuna tal-membri tal-korp tiegħu sabiex b’hekk ir-rumanzi jkun fihom element kbir ta’ Realiżmu, element li jingħata prominenza f’dan is-sottoġeneru. Fil-fatt, f’Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner, Xuereb jgħid li dan ir-rumanz partikolari “hu bbażat fuq aħbar li kienet dehret fil-ġurnali Maltin tat-18 u d-19 ta’ Jannar, 1966.” Għaldaqstant, barra storja essenzjalment polizjeska, ir-rumanzi ta’ Xuereb joffru wkoll stampa tal-qagħda ta’ Malta f’dawk iż-żminijiet, kemm jekk qed nitkellmu fuq lingwaġġ, kif ukoll jekk qed nitkellmu fuq kwistjonijiet soċjali.

SKS qed tesplora l-possibiltà li tippubblika mill-ġdid dawn it-tliet kotba.


Leave a comment