Ħarġa ġdida ta’ Il-Malti

Din il-ħarġa akkademika ta’ Il-Malti, għadd XCIV (2021), fiha ħames taqsimiet: it-taqsima tal-kritika letterarji tinkludi studju ta’ Rev. Dr Charlò Camilleri dwar l-oratorju “Pawlu ta’ Malta” li fih jesplora kif Oliver Friggieri żewweġ il-prinċipju loġiku ma’ dak mitoloġiku sabiex jiċċelebra mument reliġjuż tant fundamentali fl-istorja tal-identità kulturali tan-nazzjon Malti. Dwar l-oratorju tant meqjum, Immanuel Mifsud jippreżenta studju li fih jistħarreġ l-idea ta’ Friggieri dwar Alla li, bil-moħbi, jiddetermina kemm il-perkors ta’ San Pawl, kif ukoll dak ta’ Malta u tal-abitanti tagħha. Maż-żewġ studji dwar l-oratorju Pawlu ta’ Malta, fis-sezzjoni tal-kritika letterarja nsibu l-istudju metikoluż ta’ Prof. Bernard Micallef dwar id-“diversi naħat u laqtiet” tar-rakkontar satiriku tan-narratur maħluq minn Ġwann Mamo f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka sabiex jesplora x’inhu – jekk hemm – l-iskop tas-satira mħaddma mill-awtur.

Fis-sezzjoni tal-lingwistika, Sinclair Bugeja janalizza numru ta’ traduzzjonijiet għall-Malti ta’ frażi fundamentali fid-Dewteronomju mill-Ebrajk, kif ukoll fl-Evanġelju skont San Mark mill-Grieg. Rev. Dr Paul Sciberras jittratta wkoll it-traduzzjoni tat-testi bibbliċi billi jistudja t-tħaddim tal-Malti minn Pietru Pawl Saydon fit-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg. Ivan Said janalizza kif Mikelanġ Camilleri, bħal Mikiel Anton Vassalli, influwenza l-iżvilupp tal-Malti modern permezz tat-traduzzjonijiet reliġjużi tiegħu li fis-seklu dsatax ġew imbuttati mill-Protestanti f’Malta. Fi studju ieħor fl-istess sezzjoni ta’ din il-ħarġa, Dr George Farrugia jiddiskuti jekk, fil-kuntest lingwistiku kontemporanju, aħniex qed nassistu għal tendenza ġdida fl-għoti tal-ġens Malti – dan jagħmlu billi janalizza mill-qrib in-nomi epiċeni u t-trattament differenti tagħhom fil-konfront tan-nomi ta’ ġens komuni.

F’taqsima oħra ta’ riċerka, Dr Sergio Grech jagħtina studju dwar il-Lux Printing Press fil-kuntest lokali tal-istampar tal-kotba u tal-ġurnaliżmu. Din il-ħarġa tinkludi wkoll riċensjoni ta’ In-Nar għandu Isem – il-kapulavur ta’ Gioele Galea li tfaċċa dan l-aħħar fix-xena letterarja Maltija u l-omelija ta’ Rev. Dr Charlò Camilleri li għamel fil-funeral ta’ Mario Azzopardi, li fiha għamel referenza għad-“diversi naħat u laqtiet” ta’ dan il-personaġġ eklettiku Malti b’mod partikulari għas-sehem ta’ Azzopardi fl-oqsma tal-letteratura, tal-edukazzjoni u tat-teatru.

Dan Il-Malti ġie dedikat lil dan il-ġgant tal-letteratura Maltija li ħalliena proprju fil-11 ta’ Marzu 2022, fl-età ta’ 77 sena. Fl-ispirtu dejjem fittiexi ta’ Azzopardi, din il-ħarġa tkompli tfittex qalb id-“diversi naħat u laqtiet” tal-lingwa u tal-letteratura Maltija li tant kien jgħożż; permezz tar-riċerka metikoluża tal-kontributuri ta’ din il-ħarġa, il-qarrejja jistgħu jkomplu jterrqu fid-dinja tal-akkademja li qatt ma tieqaf tindaga u tissorprendi.

Il-Malti – ħarġa akkademika XCIV (2021) huwa pubblikazzjoni tal-Akkademja tal-Malti u din l-edizzjoni kienet fi ħsieb bord editorjali magħmul minn Dr David Aloisio (Editur), Prof. Albert Borg u Prof. Adrian Grima.


Leave a comment