Wara l-aħbar li bħala residenti ma rnexxilniex nerġgħu nwaqqfu l-proġett tad-DB f’Pembroke (“DB ITS project will go ahead as judge rules against local councils, NGOs,” Malta Today, 31 ta’ Mejju 2023 )
Illum, bħal ħafna minnkom, irrabjat ftit aktar mis-soltu.
L-istorja nafuha. Iddokumentawha l-Qrati, l-Awditur Ġenerali, il-gazzetti indipendenti, il-protagonisti nfushom kull darba li fetħu ħalqhom, u l-għaqdiet li jaħdmu favur il-ġustizzja soċjali u ambjentali.
Iddokumentawha wkoll il-kunsilli lokali ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan, u r-residenti ta’ Pembroke u tal-madwar, li se jgħixu bil-piena, bir-rabja, li wħud minn dawk li kellhom jipproteġuhom mill-ħniżrijiet kienu qed jitħanżru wkoll minn wara daharna.
L-istorja nafuha. Erba’ min-nies jiftiehmu biex biċċa art pubblika tiswa miljuni kbar, art tagħna lkoll biex niftiehmu, jaħtfuhielna minn ġo ħalqna biex jibnuha flettijiet u jbigħuhom lis-sinjuruni. Jiġu jaqgħu u jqumu mill-kulleġġ pubbliku, mill-għalliema, mill-istudenti, mill-ġid li qed jagħmel lil uliedna u wlied uliedna u jeħduha.
L-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, jiġifieri dak il-korp indipendenti li jara li flusna jintefqu sew u għall-ġid tal-poplu, jgħidilhom li l-manuvra li saret mhix sewwa. Li l-affarijiet f’pajjiż onest ma jsirux hekk. Imma kollox jibqa’ għaddej. Bħall-ilma mdardar minn ġol-katusi tad-drenaġġ.
L-eluf ta’ nies li tkellmu kontra l-proġett ittamaw li r-raġuni tirbaħ. In-nies li tkellmu fis-swali quddiem kulħadd; li ffirmaw isimhom; li niżżlu n-numru tal-karta tal-identità; li daħħlu idhom fil-but biex il-gaffa tal-ħniżrijiet ma tgħaddix minn fuq il-ġid komuni. In-nies ittamaw li r-raġuni tirbaħ. Għax ir-raġuni ma tridx forza. U s-sewwa jirbaħ żgur. Mhux hekk?
Ir-raġuni ma tridx forza. Ittamajna li fl-aħħar iqum xi ħadd, xi ħadd raġel, xi ħadd mara, xi ħadd, u jgħid: Isma’, dawn l-affarijiet ma jsirux. Hemmhekk hemm mijiet ta’ nies joqogħdu, u dal-bini salvaġġ se jidfinhom. U Pembroke diġà hemm wisq traffiku. Diġà trid tagħmel wegħda biex toħroġ minn ġo fih. U biex tidħol lura. Diġà hemm l-anarkija ta’ Paceville dieħla bħal ħalliela ġo fih.
Ittamajna li fl-aħħar jinqala’ xi ħadd u jagħmel xogħlu. Xi awtorità minn dawk il-qabda awtoritajiet fantażma li għandna: isma’, dal-bini kollu, dat-traffiku kollu, dawn id-dħaħen, dan il-mudell ekonomiku supperv li minnu jgawdu biss dawk li jinġabru madwar il-mejda biex jitħanżru m’għandniex x’nambuhom.
Ittamajna li forsi titkellem xi awtorità tal-ippjanar diċenti, xi awtorità tal-ambjent tagħna lkoll, xi awtorità tat-traffiku, xi awtorità tal-ġid komuni. Għedna forsi titkellem l-awtorità favur il-ħarsien tad-drittijiet ta’ wliedna, u ta’ wlied uliedna. Xi awtorità. Waħda minnhom. Tkun liema tkun. Stennejna. Għadna qed nistennew.
U għalhekk għamilna kollox b’mod għalkollox trasparenti. Għax ma kellniex x’naħbu. Ma sraqna xejn. Ma xaħħamna lil ħadd. M’għamilniex wegħdiet fiergħa. Ma gdibniex. Ma ttrattajna lil ħaddieħor dubbien. Ma sefsifna f’widnejn ħadd. Ma ħriġna lil ħadd jiekol b’xejn. Ma sifirna lil ħadd. Ma ġbarniex in-nies bil-vannijiet u ħadniehom ġita. Ma bdejniex inbigħu l-flattijiet qabel ma kellna l-permess nibnuhom. Ma ftaħna kontijiet sigrieti mkien. U ma qabbadniex ditti tal-marketing biex ibigħu l-ilma jiżfen fid-dardir.
Għalhekk kburin u nitkellmu b’wiċċna minn quddiem. U għalhekk irrabjati. Illum ftit iktar mis-soltu.
Il-ġlieda kontra dan is-salvaġiżmu ta’ bini, kontra dan l-egoiżmu, qed jiġġilduha ħafna residenti, ħafna għaqdiet madwar il-pajjiż kollu. Ma bdietx issa. U ma bdietx ma’ dan il-proġett. Bdiet meta minflok ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament, bdew imexxu l-pajjiż nies li jaraw l-interessi tagħhom biss.
Din hija ġlieda f’ħafna postijiet. Imma din inzertat waħda mill-kbar. U mhix se tintesa. Forsi xi darba s-sewwa jirbaħ u pajjiżna jsir tagħna lkoll. Sa dakinhar irridu nibqgħu nirrabjaw. Irridu nibqgħu nipprotestaw. Għax hemm uliedna warajna, u wlied uliedna. U l-ewwel dmir tagħna lejhom.
Grazzi lill-Moviment Graffitti, lill-kunsilli lokali u l-għaqdiet, lil Dr Claire Bonello, lir-residenti, u lill-ħafna nies li jemmnu fil-ġid komuni. Mhux fl-egoiżmu.
