Nhar is-Sibt, 6 ta’ Novembru 2021, fis-7.30pm f’North Hall 2 tal-MFCC, Ta’ Qali, Inizjamed se torganizza attività bl-isem ta’ “Ċar Kristall? It-Traduzzjoni tal-Poeżija” bħala parti mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Ħajr lill-organizzaturi tal-istedina. Minbarra li t-traduzzjoni tal-poeżija hija l-iktar qari profond tax-xogħol oriġinali, għandha wkoll sehem ewlieni fl-iżvilupp tal-kitba ta’ ħafna poeti. Ara din il-paġna dwar dan l-avveniment fuq Facebook.

Din id-diskussjoni dwar it-traduzzjoni tal-poeżija hija mnebbħa mil-laboratorji ta’ traduzzjoni li saru fuq medda ta’ 15-il sena fl-edizzjonijiet differenti tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Matul il-jiem tal-Festival l-awturi mistiedna jirfinaw it-traduzzjonijiet li jkunu għamlu tax-xogħlijiet letterarji ta’ xulxin u s-sinerġija li tinħoloq bejn il-kittieba tinħass sew meta l-awturi jitilgħu fuq il-palk biex jaqraw il-kitbiet u t-traduzzjonijiet tagħhom.
Il-moderatur ta’ din id-diskussjoni se jkun Kit Azzopardi u se jieħdu sehem il-poeti Simone Inguanez, Claudia Gauci, Adrian Grima, u Nadia Mifsud, il-kittieba Maltija li tgħix Franza li għal dawn l-aħħar snin mexxiet il-laboratorji tat-traduzzjoni fil-Festival.

Ibbukkjaw postkom fis-sala billi timlew din il-formola: https://docs.google.com/…/1FAIpQLSe1zYpq90D2G…/viewform Dawk li jixtiequ jkunu preżenti għal din id-diskussjoni jrid ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-COVID-19.